Żball. Kulħadd jagħmlu. Hawn min jaqtgħu b'salib aħmar u jerġa' jibda mill-bidu. Hawn min ma jagħtix kasu u jibqa' għaddej qisu mhux hu; u jibqa' jagħmel l-istess żball għal dejjem ta' dejjem. Imbagħad hawn min ġenwinament ma jkunx jaf li qiegħed jgħix fi żball, u meta jinduna jindem u jipprova ma jerġax jinqabad fih.

Il-karattri t'AMEN, id-dramm televisiv ġdid li se jibda jintwera minn Ottubru fuq One TV, kollha kemm huma għaddejjin minn perjodu fejn żball li għamlu fil-passat qiegħed jittormenthom. L-istejjer differenti li huma parteċipi fihom, bl-intriċċi kollha li jġibu magħhom, għandhom din it-tema komuni.

Hemm l-istorja t'Ella (Marilyn Zammit), tfajla ta' dsatax-il sena li hija pposseduta minn xitan. Fr Francis (Godwin Scerri) huwa l-eżorċist imqabbad biex jieħu ħsieb il-każ tagħha. Ella għandha ħafna domandi x'tistaqsi dwar għalfejn kellha tkun hi li tgħaddi minn din l-esperjenza, iżda Fr Francis ma jistax jagħtiha risposta definita.

Minn naħa tiegħu Fr Francis għandu x'jaqsam mar-relazzjoni li hemm bejn Clint (John Peel) u l-mara tiegħu Gaby (Gertrude Borg Marks), u l-fotografu David (Simon Xuereb). Kollha kemm huma qed ifittxu li jaħbu xi ħaġa li ġralhom fil-passat iżda s-sigriet tagħhom ma jrid bl-ebda mod jitlaqħom bi kwiethom.

 

L-ispetturi Raphael (Bryan Muscat) u Tracy (Koren Scicluna), minn naħa tagħhom qed jinvestigaw serje ta' omiċidji makabri li qed iħallu lil kulħadd imwerwer. Jista' jkun li għandu x'jaqsam Neville (Mark Doneo), raġel maħkum mill-vizzju tad-droga, li xi kultant jaqbu uġiegħ tremend f'idejh li ma jbattix sakemm dan ma jagħmilx telefonata misterjuża.

Hemm ukoll l-istorja ta' Lisa (Louise Doneo), li tmexxi grupp ta' talb, fejn darba fost l-oħrajn jitfaċċa ħuha Noah (Neville Refalo). Lisa kien ilha s-snin twal ma tarah lil Noah u l-miġja tiegħu, habta u sabta, taħsadha. Bħal ma taħsadha l-insistenza tiegħu sabiex terġa' tibda tipprattika xi ħaġa li Lisa riedet twarrab minn ħajjitha darba għal dejjem.

Fl-aħħarnett, fl-isfond ta' dawn il-ġrajjiet, hemm storja oħra għaddejja. Din tittratta dwar numru t'Arkanġli li ntbagħtu fid-dinja sabiex ikomplu l-battalja eterna tat-Tajjeb kontra l-ħażin. U din it-taqbida se tinvolvi lil kollox u lil kulħadd.

Dawn huma l-istejjer li jagħmlu AMEN. Hemm nies ordinarji li permezz taċ-ċirkostanzi li jsibu rwieħhom fihom, jagħmlu affarijiet straordinarji. Imbagħad hemm ukoll karattri speċjali li jaslu biex jagħrfu kemm l-affarijiet sempliċi huma filfatt sbieħ u sublimi.

AMEN għandu kast b'saħħtu, b'diversi atturi li għandhom esperjenza vasta fil-qasam televisiv u dak teatrali. Produzzjoni u direzzjoni ħuma f'idejn Bryan Muscat, Mark Doneo huwa Produttur Eżekuttiv, mentri l-kitba hija ta' Noel Tanti.

Intervista ma' Bryan Muscat dwar Amen. Minn fejn ġiet l-idea, l-esperjenza tiegħu eċċ. Agħfas hawn.
Mark Doneo jgħid għaliex għażel Amen, x'jaħseb fuq Bryan, u anke dwar il-karattru. Agħfas hawn.

HOME
LEMONHEADS
INTERVIEW - BRYAN MUSCAT
INTERVIEW - MARK DONEO